L-Iskema għall-assistenza loġistika tal-festa

Din l-iskema hija maħsuba biex jingħata finanzjament ta’ darba, b’rabta mal-COVID-19, lil kull organizzazzjoni volontarja li hija attiva fl-organizzazzjoni tal-festa tal-2022. Dan il-finanzjament iservi biex itaffi spejjeż relatati mal-loġistika tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet marbuta direttament mal-festa tar-raħal jew belt.

Il-Kunsill Malti għall-Arti jagħraf l-importanza li għandhom l-għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali Maltin li jaħdmu b’mod volontarju, fit-tkattir, ħarsien u tisħiħ tat-tradizzjonijiet kulturali f’pajjiżna. Dan kollu jsir primarjament fuq bażi volontarja u għalhekk, sabiex tissaħħaħ il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet, qed tiġi mnedija l-iskema għall-assistenza loġistika tal-festa. Din l-iskema hija amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

F’bosta bliet u rħula, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, insibu għaqdiet li normalment huma marbuta mal-festi tradizzjonali Maltin u li jaħdmu fuq bażi volontarja. F’dawn l-għaqdiet jinsab nukleu ta’ nies li jaħdmu s-sena kollha b’mod volontarju biex jippreparaw attivitajiet marbuta mal-festa tar-raħal jew belt tagħhom. Din l-iskema hija maħsuba biex jingħata finanzjament ta’ darba, b’rabta mal-COVID-19, lil kull organizzazzjoni volontarja li hija attiva fl-organizzazzjoni tal-festa tal-2022. Dan il-finanzjament iservi biex itaffi spejjeż relatati mal-loġistika tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet marbuta direttament mal-festa tar-raħal jew belt. 

L-għaqdiet għandhom ikunu attivi f’wieħed, jew aktar mill-għanijiet li ġejjin:

  • Fil-mużika tal-banda tal-festa
  • Fin-nar tal-art u tal-ajru tal-festa
  • Fl-armar artistiku semi-permanenti għall-ġimgħa tal-festa


Fil-każ ta’ għaqda illi l-għan tagħha huwa wieħed speċifiku mil-lista msemmija, din tingħata massimu ta’ €2,000.

Fil-każ ta’ għaqda illi l-għanijiet tagħha huma aktar minn wieħed, din tingħata €2,000 għal kull għan mil-lista msemmija, sa massimu ta’ €6,000.

Qabel it-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-Kunsill Malti għall-Arti joffri servizzi ta’ konsultazzjoni biex jgħinek tiżgura l-appoġġ għall-proġett tiegħek. Aħna nkunu disponibbli matul kull pass tal-proċess. Nistgħu ngħinuk tiddeċiedi jekk il-kunċett ewlieni u l-profil tal-proġett tiegħek ikunux konformi mal-mekkaniżmu tal-appoġġ inkwistjoni u nagħtuk feedback dwar il-mod kif qed tippjana li tippreżenta l-proġett. Ippjana bil-quddiem u kellimna mill-inqas erba’ ġimgħat qabel id-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni biex b’hekk tuża s-servizzi tagħna bl-aħjar mod.

Tista’ ċċemplilna fuq 2334 7230 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u l-16:00 jew tibagħtilna email fuq fundinfo@artscouncil.mt

Linji Gwida 2022

Linji Gwida 2022

Applikazzjoni 2022

Applikazzjoni 2022