Skema Ta’ Għotjiet Żgħar Tal-Kwalita Tal-Ħajja 2026
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat (MIV) qed iniedi skema ta’ għotjiet żgħar, maħsuba biex tħeġġeġ lill-għaqdiet volontarji iwettqu proġetti u inizjattivi prattiċi bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna.
KWALITÀ TAL-ĦAJJA – SKEMA TA' GĦOTJIET ŻGĦAR 2026
Għan
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat (MIV) għal darb’oħra qed jiftaħ Skema ta’ Għotjiet Żgħar, maħsuba biex tħeġġeġ lill-għaqdiet volontarji iwettqu proġetti u inizjattivi prattiċi bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna.
Eliġibilità tal-applikanti
Għaqdiet Volontarji reġistrati u konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji (OCVO) sa meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.
Proġetti u inizjattivi possibbli
It-titjib tal-kwalità tal-ħajja permezz ta’ inizjattivi maħsuba biex:
a) Jagħmlu l-ambjent ta’ madwarna aktar aċċessibbli
b) Organizzazzjoni ta’ attivitajiet soċjali inklussivi fil-komunità tagħna
ċ) Tnaqqis t’inugwaljanzi soċjali
d) Inklużjoni ulterjuri f'attivitajiet ta' divertiment, kulturali jew sportivi
e) L-inkoraġġiment ta' aktar involviment u inklużjoni ta' benefiċjarji f'xogħol volontarju, partikolarment persuni f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabilità
f) Provista ta’ servizzi u appoġġ lil persuni li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabilità
ġ) L-inklużjoni u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-komunità
g) Il-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġija bħala mezz lejn l-inklużjoni
għ) Appoġġ b'mod attiv l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-involviment u t-tisħiħ tal-komunitajiet
h) Promozzjoni, sensibilizzazzjoni u networking b'konformità mal-politiki dwar id-diżabilità/volontarjat
ħ) Riċerka konformi mal-politiki lokali dwar id-diżabilità/volontarjat.
Formola tal-Applikazzjoni, Sottomissjoni u Mistoqsijiet
a) Il-formola tal-applikazzjoni tista' tinkiseb kemm fil-verżjoni bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tista' tiġi aċċessata permezz ta' https://vofunding.org.mt
b) Applikazzjonijiet għall-proposti ta’ proġetti finanzjati mill-Iskema ta’ Għotjiet Żgħar għall-Kwalità tal-Ħajja 2026 għandhom ikunu sottomessi onlajn biss permezz tal-link provduta hawn fuq.
c) Applikazzjonijiet elettroniċi għandhom jinkludu stima ta’ baġit dettaljata (skont kif inkluża fl-applikazzjoni) bil-prezzijiet provduti bl-Ewro (€) flimkien ma’ kwotazzjonijiet relevanti.
d) Kull applikazzjoni elettronika li teċċedi l-limitu massimu ma tkunx eskluża awtomatikament iżda jkun ridott l-ammont allokat skont il-limiti stipulati mil-Linji Gwida.
e) Applikazzjonijiet li ma jsegwux dawn il-Linji Gwida, jew li ma jkollhomx l-informazzjoni mitluba skont il-formola tal-applikazzjoni, għandhom jiġu rifjutati.
f) Kull mistoqsija dwar din l-iskema għandha tintbagħat permezz ta’ email fuq skemi.miv@gov.mt
- Linji Gwida